F’Buġibba, ġie inawgurat proġett ambizzjuż ieħor tant meħtieġ, li bla dubju se jkun essenzjali għal din iż-żona u l-madwar, fi Tramuntana ta’ Malta.
Investiment li permezz tiegħu qed nkomplu nsaħħu t-trasport pubbliku b’aktar kumdità u speditezza b’mezzi alternattivi. Investiment ieħor magħmul bi ħsieb, mhux biss biex jaqdi in-neċessitajiet tal-lum, iżda wkoll li qed jantiċipa in-neċessitajiet u r-rotot relatati anke mas-settur turistiku, li sena wara l-oħra qed ikompli jikber. Investiment li jurina ukoll kif il-fondi Ewropej, meta jkunu immexxija b’mod responsabbli u strateġiku, jistgħu joħolqu differenza vera u reali fil-ħajja tan-nies.
Il-proġett tal-breakwater u l-moll f’Buġibba, sar bħala parti mill-proġett SMITHS – Sustainable Multi Intermodal Transport Hubs across Malta and Gozo – proġett aktar wiesgħa li jinkludi wkoll l-mollijiet f’Bormla u f’Tas-Sliema, jirrappreżenta investiment ta’ madwar €14 miljun, li minnhom madwar €5.7 miljuni ġew ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
F’pajjiż bħal tagħna, fejn l-ispazju huwa limitat u l-pressjoni fuq l-infrastruttura hija kbira, għandna bżonn naraw aktar u aktar nies jħallu l-karozza u jagħżlu mezzi alternattivi oħra. Permezz ta’ dan il-proġett qed noħolqu għażliet ġodda – għażliet li jgħinu biex jitnaqqas it-traffiku fuq l-art, titjieb il-kwalità tal-arja u nkomplu nindirizzaw il-bidla fil-klima. Objettivi li l-Kummissjoni Ewropea tobbligana naħdmu fuqhom biex flimkien mal-istati membri l-oħra, nilħqu l-mira tan-newtralità kilimatika sal-2050.
Dan huwa wkoll l-ħsieb wara l-proġett SMITHS li għadni kif semmejt – proġett strateġiku li għandu l-għan li jniedi bidla fid-drawwiet tat-trasport f’pajjiżna. Huwa mmirat li jagħmilna inqas dipendenti fuq il-karozza privata u ħafna iktar favur mezzi kollettivi, aktar nodfa u alternattivi. Fost dawn insemmi:
- Tlett siti tal-laneċ f’Bormla, Tas-Sliema u issa hawn f’Buġibba.
- Linji separati għaċ-ċikliżmu f’Bormla u Buqana.
- Tlett pontijiet pedonali ġodda f’Blata l-Bajda, Ħal Luqa u Raħal Ġdid.
- Multi-modal hub fix-Xewkija, li jinkludi terminal għal karozzi elettriċi u parkeġġ għal 300 vettura.
- Flotta ġdida ta’ 6 EV-buses f’Għawdex, flimkien ma’ 130 charging pillars.
- Kampanja nazzjonali ta’ għarfien u edukazzjoni biex iġġib bidla fil-kultura tat-trasport.
Dan il-proġett (SMITHS) qed isir b’finzjament globali ta’ €26.5 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Permezz tiegħu u l-ħidma kontinwa tal-Gvern u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, qed nittrasformaw b’mod komprensiv is-sistema ta’ trasport pubbliku f’Malta u Għawdex.
Iżda dan mhux biss.
Investiment ewlieni ieħor se jkun l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMP) għall-Belt Valletta – pjan li huwa allinjat ma’ strateġiji nazzjonali oħra bħall-Master Plan għat-Trasport 2025, l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni għaċ-Ċikliżmu u l-qasam tal-mikro-mobilità, bil-għan li titjieb l-integrazzjoni tal-mezzi tat-trasport u jitnaqqas l-iffullar urban.
Permezz tal-proġett C-SAM, Malta se tkompli tinvesti f’infrastruttura urbana bħalma huma mogħdijiet pedonali, korsiji għaċ-ċikliżmu u pontijiet biex tissaħħaħ il-konnettività multimodali.
Appoġġ addizzjonali mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) se jiffoka fuq id-dekarbonizzazzjoni tal-portijiet marittimi. Fl-istess waqt, il-Fond għall-Irkupru u Reżiljenza qed joffri għotjiet biex tiġi mħeġġa l-adozzjoni ta’ vetturi elettriċi (EVs).
U fl-aħħar, b’allokazzjoni addizzjonali mill-Fond ta’ Koeżjoni, Malta se tkompli testendi n-netwerk nazzjonali tal-iċċarġjar f’Malta u Għawdex.
Fondi taħt diversi programmi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea, iżda li f’idejna jsarrfu f’opportunitajiet għal proġetti kbar għall-Maltin u l-Għawdxin, u dawk kollha li jżuru pajjiżna.
Huwa tassew inkorraġġanti li tara entitajiet u aġenziji fi ħdan il-Gvern f’setturi diversi, bħal dawk relatati mas-settur tat-trasport, jaħdmu bi sħiħ biex jsiru proġetti ambizzjużi bħal dan tal-lum, anke fuq livell nazzjonali, b’finanzjamenti minn Fondi Ewropej.
Iżda l-investiment minn fondi Ewropej jmur lil hinn minn dan is-settur. Il-fondi qed jintużaw biex nappoġġjaw lill-bdiewa u s-sajjieda tagħna, li ta’ kuljum qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi relatati mal-bidla fil-klima u l-isfidi tas-suq.
Qegħdin jintużaw biex inħarsu l-ambjent naturali tagħna, bħalma għamilna permezz tal-proġetti fil-Miżieb, fl-Aħrax u fiż-żoni Natura 2000.
Qegħdin jintużaw biex ngħinu wkoll lin-negozji żgħar u medji jkomplu jkabbru l-ekonomija u joħolqu impjiegi ġodda.
Qed jintużaw fl-oqsma soċjali biex noffru aktar servizzi għal dawk l-aktar vulnerabbli.
“L-istrateġija hija ċara: użu għaqli, għal riżultati konkreti.”
Il-Gvern hu impenjat li kull ewro li nidħlu għalih permezz tal-fondi Ewropej ikun investit bl-ogħla sens ta’ responsabbiltà u bil-għan li ntejjbu l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
L-istrateġija hija ċara: użu għaqli, għal riżultati konkreti. Dan huwa essenzjali biex pajjiżna jibqa’ jikseb ammonti konsiderevoli ta’ Fondi Ewropej fil-futur.
Hawn ma nistax ma naghtix rikonoxximent xieraq lid-Diviżjoni għall-Istrateġija u l-Implimentazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Fondi Ewropej li qed twettaq xogħol impekkabbli biex kull ewro li niksbu minn dawn il-Fondi jasal fejn għandu jasal, fi żmien stabbilit, filwaqt li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet kollha tal-programmi rispettivi. Xogħol li għalkemm ma jidhirx, nistgħu ngħidu li huwa l-pedament li fuqu nwettqu proġetti bħal tal-lum.
Lura għal dan proġett f’Buġibba, ilkoll nafu kemm din iż-żona saret diffiċli, anke biex wieħed jipparkja, kemm ghar-residenti kif ukoll għal dawk li jiġu jgawdu din il-lokalità vibranti. U għalhekk, kull karozza li jirnexxilna nnaqqsu permezz ta’ din ir-rotta marittima ġdida, tkun ta’ benefiċċju kbir għal pubbliku u għall-ambjent.
Dan il-proġett f’Buġibba se jkun ukoll ta’ benefiċċju kbir għall-ekonomija turistika tagħna. Għax meta l-infrastruttura tkun ta’ kwalità, meta tkun aċċessibbli u konnessa, noħolqu esperjenzi aħjar għall-viżitaturi tagħna.
“Il-fondi Ewropej huma għodda qawwija. F’idejna hemm ir-responsabbiltà li nużawhom b’għaqal u b’għan ċar: li nibnu pajjiż aħjar.”
Għalhekk issa għandna mezz alternattiv, komdu u sikur li jwassal lejn lokalitajiet turistiċi bħalma huma Buġibba u San Pawl il-Baħar. Dan jagħti valur miżjud lin-negozji lokali, lill-operaturi tat-turiżmu u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-komunità kollha. Bit-tlestija ta’ dan il-proġett, qed nwettqu wkoll wegħda elettorali oħra li saret mal-poplu Malti u Għawdxi li ser iżid il-konnettività bil-baħar u tgħaqqad is-servizz tal-lanċa mill-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett mat-Tramuntana ta’ Malta.
Dan hu l-Gvern li qiegħed iwettaq dak li wiegħed: Gvern li jimpenja ruħu kif jiltaqa’ mal-aspettattivi tal-poplu, li juża fondi Ewropej għal proġetti li jagħmlu l-bidla — mhux biss fl-infrastruttura, iżda fil-kwalità tal-ħajja, fis-setturi ekonomiċi u fl-ambjent.
Ma nistax ma nirringrazzjax għal darboħra lil Infrastructure Malta, lill-Ministeru tat-Trasport u lill-imsieħba kollha li ħadmu fuq dan il-proġett, kif ukoll lill-persuni fi ħdan il-Ministeru tiegħi u dawk kollha involuti fil-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-fondi Ewropej. Il-ħidma tagħkom hija kruċjali biex dawn il-proġetti jsiru realtà u jkunu ta’ ġid għal kulħadd.
Il-fondi Ewropej huma għodda qawwija. F’idejna hemm ir-responsabbiltà li nużawhom b’għaqal u b’għan ċar: li nibnu pajjiż aħjar – pajjiż li jħares ’il quddiem, li jirrispetta lill-ambjent, li jappoġġja lis-setturi produttivi tiegħu u li jservi lin-nies tiegħu.