Bi ftit kuraġġ u bis-servizzi kollha disponibbli, il-bibien jinsabu miftuħa għal min irid jagħmel pass ‘il quddiem u jfassal il-futur tiegħu bl-għajnuna tal-fondi Ewropej.

Il-fondi Ewropej mhumiex xi ħaġa astratta jew ’il bogħod minna. Huma opportunità li tista’ tibdel il-ħajja tan-nies u tħalli impatt pożittiv fuq in-negozji tagħna. Il-Gvern huwa impenjat li jġib dawn l-opportunitajiet eqreb lejn il-komunitajiet tagħna, speċjalment lejn l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), biex ikunu jistgħu jikbru, jespandu u jinnovaw l-operat tagħhom.

Għalija, kull storja ta’ suċċess hija prova ċara ta’ kemm dan l-impenn qed jagħti frott. Abraham Scicluna minn Għajnsielem, Għawdex, beda jgħin lil ommu fir-razzett tal-familja tiegħu minn meta kellu 14-il sena. Illum, bl-appoġġ ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) u grazzi għal aktar minn €217,000 f’fondi Ewropej, se jkun qed jinvesti f’faċilitajiet moderni għar-razzett tiegħu u għall-produzzjoni tal-ġbejniet, billi jżomm il-kwalità u jsaħħaħ l-operat tiegħu b’mod sostenibbli.

Storja oħra ta’ ispirazzjoni hija dik ta’ William Bugeja, mastrudaxxa bi snin ta’ esperjenza li dejjem xtaq jiftaħ intrapriża għal rasu. Permezz tal-iskema SME Enhance u bil-gwida ta’ SEM, William kiseb madwar €100,000 f’fondi Ewropej biex jixtri tagħmir u makkinarju essenzjali għall-produzzjoni ta’ għamara ta’ kwalità għolja. Dan l-investiment, b’valur totali ta’ aktar minn €200,000, ippermettilu jagħmel l-ewwel pass importanti biex iwaqqaf u jkabbar l-intrapriża tiegħu.

Fl-istess waqt, Mosta Bacon Ltd – negozju tal-familja Saliba mmexxi minn sitt aħwa – bbenefikat ukoll minn opportunitajiet ta’ fondi Ewropej. Bl-għajnuna ta’ SEM, huma rnexxielhom jinvestu f’tagħmir u titjib tal-faċilitajiet tagħhom, biex ikunu jistgħu jkomplu jservu lill-klijenti tagħhom b’prodotti ta’ kwalità, filwaqt li jżidu l-effiċjenza u l-kompetittività tagħhom fis-suq.

Dawn mhumiex każijiet iżolati. Huma eżempji ta’ kif il-fondi Ewropej jistgħu jħallu impatt reali, mhux biss fuq il-bilanċ finanzjarju ta’ negozju, iżda fuq il-viżjoni u l-futur tiegħu. Il-fatt li l-proċess issa qed isir aktar aċċessibbli, grazzi wkoll għall-appoġġ personalizzat ta’ SEM, ifisser li aktar intrapriżi u persuni self-employed jistgħu jgawdu minn dawn il-benefiċċji.

Għalkemm il-proċess tal-applikazzjoni jeħtieġ attenzjoni u gwida rigward l-formalitajiet u d-dokumenti meħtieġa, dan m’għandux jiskoraġixxi lil min jixtieq japplika. Huwa proprju għalhekk li teżisti Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) – li mingħajr ħlas, tagħti l-informazzjoni, il-gwida u l-appoġġ matul il-proċedura kollha, pass pass, sabiex ħadd ma jitlef opportunità li tista’ tibdel il-futur tiegħu.

Il-messaġġ tiegħi hu wieħed ċar: il-fondi Ewropej qegħdin hemm għalik. Bħala Gvern, se nkomplu naħdmu biex inżidu l-aċċess għal dawn il-fondi, inkomplu nsaħħu l-informazzjoni u l-appoġġ disponibbli, u nkunu sħab attivi fin-negozju u l-iżvilupp tal-komunitajiet tagħna.

L-istorja ta’ Abraham, ta’ William u tal-aħwa Saliba juru b’mod ċar kemm din l-għajnuna tista’ tkun trasformattiva. Bi ftit kuraġġ u bis-servizzi kollha disponibbli, il-bibien jinsabu miftuħa għal min irid jagħmel pass ‘il quddiem u jfassal il-futur tiegħu bl-għajnuna tal-fondi Ewropej.